Għeżież,
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jixtieq jinfurmakom illi bħalissa l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed ifassal qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi wara li dawn ġew magħluqa temporanjament kaġun tat-tixrid tal-imxija COVID-19. Dettalji kif ġej:
Jitfassal qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kien proattiv mill-bidu nett fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19. B’mod olistiku u mingħajr dewmien ħabbar id-dettalji dwar id-deċiżjonijiet marbutin mal-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha miċ-ċentri ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal sal-livell terzjarju, inkluż kif it-tfal u l-istudenti ser jipprogressaw minn sena għal oħra, u kif ukoll dwar l-eżamijiet. Fil-frattemp, waqt li l-istituzzjonijiet edukattivi jinsabu magħluqin, waqqaf working group bl-istakeholders ewlenin li qed jara kemm li t-tagħlim isir online u kif ukoll l-impatt fuq il-kurrikulu. Ħidma oħra kienet li nġabru servizzi edukattivi disponibbli fil-livelli u mill-entitajiet kollha tal-Ministeru f’Helpline 2598 1000. Il-Ministeru ħa ħsieb ukoll jara li t-tfal li kienu eliġibbli għal lunch jibqgħu jingħatawlhom, waqt li tfal vulnerabbli mingħajr l-internet jew computer ġew mgħejjuna wkoll.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħed jikkordina wkoll qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ eventwali mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi. Il-Ministeru qiegħed isegwi mill-qrib ħafna s-sitwazzjoni nazzjonali u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Qed jinnota deċiżjonijiet li numru ta’ pajjiżi oħra qed jieħdu fis-settur edukattiv. Il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi jirrifletti dan kollu waqt li tfassal fuq il-mudell propost min-Nazzjonijiet Uniti. Dan il-mudell kompla jiġi żviluppat biex jirrifletti l-kuntest u s-sitwazzjoni f’pajjiżna.
F’ċirkostanzi li għadhom qed jiżviluppaw skont kif qed jigi spjegat tant tajjeb mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid qed jikkunsidra diversi xenarji probabbli li fihom jistgħu eventwalment jkunu qed jinfetħu l-istituzzjonijiet edukattivi.
Għal kull xenarju probabbli li qed iqis dan il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid, qed iħares lejn ħames aspetti ewlenin li huma s-saħħa u s-sigurtà; it-tagħrif, l-iżvilupp u t-taħriġ; il-ħtieġa ta’ tagħlim ta’ kwalita’; il-bżonn li t-tagħlim jilħaq lil kulħadd; u l-finanzjament meħtieġ.
Il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi qed ikun diskuss mal-imsieħba konċernati waqt li ser jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa b’rispett lejn is-sitwazzjoni nazzjonali.
Il-Ministeru, permezz tal-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi, ser ikun qiegħed eventwalment jieħu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli fuq id-direzzjonijiet mogħtijin mill-awtorità tas-saħħa u ser ikun qed joħroġ aġġornamenti skont u kull meta jkun meħtieġ.
Dr Francis Fabri
Segretarju Permanenti