Għeżież Għalliema, Ġenituri u Studenti fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli
Wasalna fi tmiem ta’ sena skolastika oħra. Sena li kienet karatterizzata minn sfidi ġodda anki b’ tagħlim li beda fl-iskola u spicca b’lezzjonijiet onlajn kull fejn kien possibbli.
Bħalissa l-edukaturi qed jaħdmu fuq ir-riżultati u l-kummenti b’suggerimenti, u dawn għandkom tirċevuhom mill-iskola rispettiva tagħkom (Arti, Drama, Żfin u Mużika) fis-6 ta’ Lulju 2020.
Huwa mifhum li eventwalment ser tirċivu wkoll informazzjoni dwar kif issir ir-renewal (biex min diġa huwa reġistrat magħna jkun jista’ jerga’ japplika għall-kors li jmiss) u dan sabiex aktar tard matul is-sajf u qabel jerġgħu jinfetħu l-iskejjel, jinfetħu l-applikazzjonijiet għal studenti ġodda. Tifmhu li bħalissa għaddejjin bl-eżerċizzju biex nassiguraw li meta tiftah l-iskola f’Ottubru, ikun rispettat is-social distancing u ghalhekk jaf li għas-sena skolastika li jmiss, in-numru ta’ studenti ġodda jista; jkun limitat.
Ma nistax ma niħux din l-opportunita sabiex nerġa’ nirringrazza lit-tmexxija tal-iskejjel tagħna talli segwew mill-qrib it-tagħlim li baqa’ għaddej onlajn u għall-appoġġ li taw lil għalliema tagħna. Grazzi fuq kollox lill-edukaturi tal-mod eċċezzjonali ta’ kif adattaw għal din is-sitwazzjoni fejn minħabba l-imxija tal-Covid-19, kellhom jingħalqu l-iskejjel. Kburi ngħid li l-Kulleġġ tagħna kien minn tal-ewwel li żamm kuntatt ma’ kull student sa mit-13 ta’ Marzu li għadda!
Dan l-impenn tal-għalliema, jidher li irrikonoxxejtuh sew intom l-istudenti u l-ġenituri. Nista’ ngħid dan, minn ruxmata ta’ komunikazzjonijiet (emejls u telefonali) fejn b’mod speċjali għedtuli li dan il-kuntatt mill-għalliema tagħna għamel differenza fil-ħajja tat-tfal speċjalment dawk żgħar tul dawn ix-xhur li kienu diffiċli.
Inħeġġiġkom tkomplu b’dan il-kuntatt mal-iskejjel tagħna biex jekk Alla jrid, naraw lil kull min qed jitgħallem ikompli jagħmel progress. Ma ninsewx li b’mod partikulari fit-tagħlim tal-Arti Viżiva u Performattiva, il-prattika ma jkollhiex btajjel. Nawguralkom li tkomplu tużaw iż-żmien tas-sajf biex tkomplu tipprattikaw il-ħiliet li akkwistajtu ħalli tħossukom ippreparati għal sena ġdida.
Nawguralkom mill-qalb.
Victor Galea
Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ
Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli – in-Netwerk ta’ skejjel speċjalizzati fl-Edukazzjoni tal-Arti Viżiva u Performattiva