L-Iskola tad-Drama u d-Danza fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli b’kollaborazzjoni ma’ Nestle’ Malta u St Honore, Għawdex għadha kemm nediet inizzjattiva b’risq il-Hospice Malta bħala parti mill-kampanja ta’ għarfien u ta’ qawmien ta’ kuxjenza – Movember.
Matul ix-xahar ta’ Novembru, l-iskola ser tkun qegħda tbiegħ maskri disponibbli li se jkollhom mustaċċi fuqhom, bid-dħul kollu jmur għal Hospice Malta. Din l-idea ħareġ biha l-għalliem tad-drama Aaron Fenech.
Alan Fenech, il-Kap tal-Iskola qal: “Is-sitwazzjoni li għaddejjin minnha bħalissa għallmitna ninbidlu u naddattaw rwieħna, imma hemm ħaġa waħda li m’għandha tinbidel qatt, li hija li nkunu dejjem konxji tad-tbatijiet li jgħaddu minnhom u jsaqqfu wiċċhom magħhom ċerti bnedmin, speċjalment dawk li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Filwaqt li nkomplu nittamaw li kemm jista’ jkun malajr tinstab il-kura għall-COVID-19, il-kanċer jibqa’ battalja li diversi familji qed ikollhom jikkumbattu magħha lejl u nhar. Aħna nixtiequ nagħtu l-kontribut żgħir u mistħoqq tagħna sabiex inkomplu nqajmu kuxjenza matul ix-xahar ta’ Novembru.“
Nestle’ Malta Ltd iddeċidew li jikkollaboraw billi jixtru 200 minn dawn il maskri. “Fil-kumpanija Nestle il-valuri tagħna huma msejsa fuq ir-rispett u għalhekk aħna nemmnu li għandna nagħtu lura lis-soċjeta` u għalhekk ħassejna li għandna ningħaqdu f’din l-inizzjattiva. Flimkien mal-iskola tad-Drama u Danza Malta ser inkunu qegħdin ngħinu lil dawk il-persuni fil-bżonn. Bis-saħħa ta’ kulħadd nixtiequ nagħtu l-kontribut tagħna lil din il-kawża ġusta,” sostniet Leanne Psaila, l-iSpeċjalista fir-Riżorsi Umani
Victor Galea, Kap tan-Netwerk tal-kulleġġ Mikiel Anton Vassalli qal li hu ikun dejjem kuntent meta l-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, Malta, bħalma hi l-Iskola tad-Drama u d-Danza, jieħu inizzjattivi bħal dawn mhux biss mill-puntu di vista tagħhom u minn dak tal-Kulleġġ, imma sabiex iqajmu kuxjenza permezz ta’ inizzjattivi bħal din lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom b’risq din l-inizjattiva filwaqt li jkomplu jibnu relazzjonijiet ma’ imsieħba ndustrijali bħalma huma Nestle’.
Dawk kollha li jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom b’risq din l-inizzjattiva għandhom jagħmlu dan billi jixtru maskra għal prezz ta’ 2 Ewro mir-reception desk jew billi joffru donazzjoni għal din il-kawża. Il-maskri jistgħu jiġu ordnati permezz ta’ emejl fuq mavc.schoolofdrama@ilearn.edu.mt jew billi jċemplu fuq 25983740.