Xogħol tal-Arti mill-Istudenti Għawdxin bit-Tema tan-Nativita`

L-Ufficju tal-Kultura t’Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex organizza kompetizzjoni ta’ arti għal studenti bejn il-5 u t-12 –il sena. Matul ix-xahar ta’ Novembru, l-istudenti tal-arti ġewwa l-Iskola tal-Arti Viziva u Performattiva fix-Xewkija Għawdex, fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ipproduċew varjetà sħiħa ta’ bċejjeċ ta’ arti relatati man-Natività. Dan ix-xogħol kien parti integrali mill-Learning Outcomes tal-korsijiet li jiġu offruti f’din l-iskola.

Dawn il-bċejjeċ tal-arti mill-ġranet li ġejjin se jitpoġġew kollha fi Pjazza Indipendenza fil-Belt Victoria. Erbgħa minn dawn il-biċċiet tal-arti li ntgħażlu minn ġurija esterna u indipendenti, sejrin jintbagħtu fid-djar kollha tal-Għawdxin bħala il-kartolini tal-Milied għal din is-sena.

L-amministratur tal-Iskola is-Sur Vincent Caruana seta’ josserva l-livell għoli tax-xogħol li sar. “Nemmnu li l-iskola tagħna sejra tkun ċentru dinamiku ħaj u b’saħħtu, ta’ kreattività, u inizjattivi bħal dawn iservu ta’ pjattaformi tajbin sabiex l-istudenti tagħna jesprimu it-talent u l-immaġinazzjoni u jintroduċu x-xogħolijiet tal-arti tagħhom lil udjenza akbar,” tenna s-Sur Vincent Caruana.

Il-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ is-Sur Victor Galea faħħar lill-iskola talli din ħadmet mill-qrib mal-Uffiċju Kulturali ġewwa Għawdex sabiex toħloq pjattaformi għall-istudenti tagħna sabiex dawn joħolqu u jesebixxu dak ix-xogħol li joħroġ minn dak li jitgħallmu waqt l-istudji tagħhom f’din l-istess skola. Filwaqt li radd ħajr lill-Uffiċċju Kulturali, is-Sur Galea qal li “B’kollaborazzjonijiet bħal dawn, dak li jseħħ ġewwa l-Iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva ġewwa Għawdex ikompli jilħaq udjenza iktar mill-pubbliku inġenerali. Hu ittamat li permezz ta’ inizzjattivi bħal dawn, il-pubbliku jista’ jattira ruħu aktar mal-arti espressivi u jsir aktar konxju mill-ħafna opportunitajiet li din l-iskola fix-Xewkija għandha x’toffri, mhux biss fl-Arti, imma wkoll fil-Mużika, fid-Danza u d-Drama.