Kartolina Milied 2020

L-Iskola tal-Arti, Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli jħossu kburi li ħa sehem fil-proċess tal-għażla tal-kartolina magħżula uffiċċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru 2020. 


Id-disinji ta’ erbat itfal li jgħixu fi djar għat-tfal intgħażlu sabiex ikunu fuq il-kartolini uffiċċjali li ser jibgħat l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Malta għal din is-sena. 



Kien hemm ’l fuq minn 50 proposta magħmula minn tfal li jgħixu fi Djar għat-Tfal wara sejħa li saret minn mart il-Prim Ministru ta’ Malta, Dr Lydia Abela, li ġew evalwati minn Bord magħmul minn membri tal-Kunsill Malti għall-Arti, Spazju Kreattiv, l-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. 


Id-disinji rebbieħa kienu dawk ta’ tfal li jgħixu ġewwa l-Creche tal-Ursolini, Dar San Ġużepp, Santa Venera, Warm Haven u Sempre Viva. 


Id-disinji kollha li ħadu sehem jinsabu esebiti ġewwa Spazju Kreattiv –il-Belt Valletta, u juru fid-deher it-talent taż-żgħar li ħadu sehem u l-messaġġi tagħhom ta’ tama għal futur aħjar.  Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-10 ta’ Jannar 2021. 


L-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli se tkun qed toffri korsijiet tal-arti lil dawk il-parteċipanti kollha li jixtiequ jħabbru t-talenti artistiċi u kreattivi tagħhom. Dan ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Kulleġġ li jkompli jgħolli ’l fuq l-valur tal-inklużjoni u joffri opportunitajiet u sapport lill-istudenti kollha sabiex dawn iwessgħu t-talenti artistiċi tagħhom u jiksbu l-potenzjal sħiħ fl-arti viżiva u performattiva.