1400 Studenti tal-Mużika se Jibbenefikaw minn Kollaborazzjoni Inter-Ministerjali

Illum ġie iffirmat memorandum ta’ ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali. Dan il-memorandum jiffoka speċifikament fuq l-inkoraġġiment ta’ kollaborazzjoni iktar b’saħħitha bejn il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli (MAVC) u l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta (MPO). Studenti tal-Mużika li jattendu fl-iskejjel tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, li jinkludu l-Iskola tal-Mużika f’Malta u l-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva f’Għawdex, u l-iskola Sekondarja tal-Arti Viziva u Performattiva f’Malta; se jibbenefikaw billi jkollhom aċċess għall-kunċerti professjonali, provi u masterclasses organiżżati mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.


Ser jitwaqqaf ukoll Grupp ta’ Ħidma magħmul miż-żewġ entitajiet sabiex dan isaħħaħ u jiżviluppa l-proviżjoni tat-tagħlim tal-Mużika fil-gżejjer Maltin sabiex jiġu pprovduti aktar opportunitajiet għall-mużiċisti żgħar u sabiex jippromovu il-kontinwita` mill-eta` bikrija tat-tagħlim tal-mużika għad-dinja ta’ prestazzjoni professjonali tal-mużika.



Il-Memorandum ġie iffirmat mis-Segretarji Permanenti rispettivi Dr Francis Fabri u s-Sra Joyce Dimech fil-preżenza taż-żewġ ministri: l-Hon. Dr José Herrera u l-Hon Dr Justyne Caruana.