Elett il-Kunsill Skolastiku l-ġdid tal-Iskola tal-Arti

Għadu kemm ġie elett il-Kunsill-Skolastiku l-ġdid tal-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli għall-perjodu bejn Jannar 2021 u Diċembru 2022. Wara żmien f’Jannar biex fih intefgħu n-nomini, saru l-elezzjonijiet bejn it-8 u t-12 ta’ Frar 2021 sabiex jiġu eletti tlett edukaturi mill-iskola, iż-żewġ studenti ta’ ’l fuq minn 16-il sena u żewġ ġenituri/kustodji ta’ student ta’ taħt is-16-il sena li jattendu l-Iskola tal-Arti f’Malta, skont kif mitlub fl-Internal Quality Assurance tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, kif approvat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għola.

Dawn huma l-membri magħżulin:


Edukaturi fl-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli:

Jiena Kamy Aquilina, Fine-Artist u Gradwata bil-B.A Hons Fine Arts. Jien ukoll edukatriċi fuq bażi part-time ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta. Il-passjoni tiegħi hi li ngħallem l-arti u naqsam l-esperjenzi tiegħi mal-istudenti. Inħobb ninkoraġixxi lill- istudenti tiegħi sabiex jiksbu kunfidenza fihom infushom u jesperimentaw b’metodi u ideat differenti fil-proċess tal-kreazzjoni u l-fehim tal-arti permezz ta’ metodi kreattivi differenti.

Jisimni Christian Attard. Jiena marbut fis-sod mal-Iskola tal-Arti. L-involviment tiegħi ma’ din l-iskola jmur lura żmien ilu; snin ilu bħala student, u għal dawn l-aħħar għoxrin sena bħala lecturer. Għal din l-iskola jien tajt ħafna imma rċevejt ħafna lura mingħandha. L-Iskola bħalissa għaddejja minn żmien sabiħ ta’ transizzjoni. It-tama tiegħi għall-iskola hi li hija ssir aktar riċettiva u miftuħa għal ideat ġodda filwaqt li ssostni l-għeruq akkademiċi b’saħħithom tagħha. Process ta’ bidla u kontinwita` li hemm bżonn jiġi imħeġġeġ u sostnut

Jisimni Joyce Camilleri u jiena għalliema fuq bażi full-time ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta , b’master’s degree bħala għalliema tal-arti mill-2017. F’dawn l-aħħar 20 sena jiena ħadt sehem f’diversi studio practice workshops kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna u ikkordinajt tlett proġetti iffinanzjati mill-Erasmus+, b’hekk inħoss li għandi l-ħiliet u l-esperjenzi meħtieġa biex nagħti s-sehem tiegħi bħala membru tal-Kunsill Skolastiku, kemm bħala artista prattikanti kif ukoll bħala għalliema tal-arti.


Adult Students (over the age of 16) attending the MAVC Malta School of Art:

Jisimni Vincent Cassar. Bħalissa ninsab fl-aħħar sena tal-Kors Avvanzat fl-Arti Viżiva ġewwa l-Iskola tal-Arti Malta. Attendejt din l-iskola għal iktar minn u diġà` kont inservi fuq il-Kunsill Skolastiku li għadu kemm temm it- terminu tiegħu. Jiena nemmen li dejjem hemm xi ħaġa ġdida x’titgħallem fil- ħajja u dejjem hemm lok ta’ titjib. B’dawn iż-żewġ prinċipji quddiem għajnejja nħoss li għandi kontribut x’noffri lill-iskola sabiex nippromwovu l-ħiliet artistiċi lill-Maltin kollha. Nipprova li ta’ kuljum noħloq xi ħaġa u ngħin ukoll kull fejn Intom tistgħu tgħinuni sabiex jien inkun nista’ mbagħad ngħin aħjar lil din l-iskola

Jiena Stephania Micallef u bħalissa ninsab għaddejja b’kors fit-Teknika tal-Istampar ġewwa l-Iskola tal-Arti, Malta. Jiena artista viżwali li nħobb nesperimenta bit-tekniċi tal-istampar u xi ftit bl-estetiċi. Naffaxina ruħi wkoll bil-figura umana u studjajt il-forom fiċ-ċaqlieq tal-istruttura fi-ħlejjaq ħajjin. Komplejt bl-istudji artistiċi u fl-istudji fid-disinn ġewwa l-Universita` ta’ Malta minn fejn iggradwajt fl-2019. Jekk inkun nagħmel parti mill-Kunsill Skolastiku ġewwa l-iskola tal-Arti, jien inkun nista’ nkun parti mid-deċiżjonijiet fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tal-arti lokali


Ġenituri/Kustodji ta’ studenti (taħt is-16 –il sena) li jattendu l-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il- KMAV:

Jisimni Evangeline Azzopardi u għandi 44 sena. Miżżewġa bi tlett itfal. L-akbar wieħed, Gabriel, ilu jattendi l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli għal dawn l-aħħar sentejn. Jiena għalliema ġo skola sekondarja u nħobb naqra. Minn dejjem affaxxinajt ruħi bl-arti u bl-artisti u nittama li fil-futur jirnexxieli nmidd idi fil- qasam tal-arti.

Jiena Ann Marie Fenech. Ibni jattendi l-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u nuri interess kbir fil-benesseri tiegħu u ta’ sħabu tal- iskola. Bħala professjoni jiena youth worker u nemmen bis-sħiħ fl-attivitajiet extra-kurrikulari li jmorru lil hinn mill-edukazzjoni formali li tingħata fl-iskola. Jekk il-COVID ħadilna ħafna, tana l-opportunita` u ħin biżżejjed sabiex nużaw media differenti sabiex nesprimu l-lat artistiku tagħna. Forsi jiena m’inix xi Picasso jew Monet però inħobb noħloq xi crafts u xi tpinġijiet. Huwa l-post fejn jien niżvoga mill-istress u l-għeja li jaħkmuni.