L-Iskola tal-Mużika f’Malta għadha kemm ippublikat il-Prospectus tagħha għas-sena akkademika 2021-2022, u ħabbret li ser tkun qegħda tirċievi l-applikazzjonijiet mill-istudenti l-ġodda bejn l-20 u t-30 ta’ Mejju.
l-Iskola tal-Mużika toffri l-edukazzjoni tagħha għal 880 student li ivarjaw minn dawk li sejrin jibdew mill-qiegħ sa dawk li jxitequ jaslu għal livell ogħla f’livell ta’ diploma. B’tim b’saħħtu ta’ 85 għalliem tal-mużika speċjalizzat, l-iskola toffri opportunita` mhux imxekkla għal kull student fi kwalunkwe livell li jkun jixtieq jidħol bi ħġaru fid-dinja tal-mużika. L-iskola toffri korsijiet akkreditati minn Livell 1 tal-MQF sal-Livell 5 tal-MQF, kif ukoll opportunita` li jingħaqad mal-iskola b’mod komdu lil dawk kollha li jkunu jixtiequ jiffokaw fuq il-pjaċir li taf toffri l-mużika.
Is-sur Victor Galea, Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ tal-iskejjel speċjalizzati fl-Arti Viżiva u Performattiva qal li “l-eżistenza proprja tal-Iskola tal-mużika tassigura li s-soċjeta` tagħna għandha spazju għal dawk l-istudenti li jixtiequ jarrikkixxu ħajjithom bit-tagħlim tal-mużika.”
“Il-mużika hija arti li teħtieġ imħabba u dixxiplina kbira. Fl-iskola tagħna nirsistu sabiex dawn inrawmuhom f’kull student filwaqt li ninkoraġġixxu l-kurżita` u l-kreattivita` ”, tenniet is-Sra Maria Blanco, Kap tal-Iskola tal-Mużika.
Ta’ kull sena l-iskola tiftaħ il-bibien tagħha lil madwar 200 student ġdid li japplikaw u jintagħżlu permezz ta’ process ta’ audition process li jidentifika l-ħiliet u l-inklinazzjonijiet u attitudnijiet mużikali, li jippermettu lill-istudenti jagħżlu l-aħjar triq tagħhom. Dawk iż-żgħar li jixtiequ jibdew mill-bidu jistgħu japplikaw għall-kors tal-Music Makers, li jkopri studenti bejn sitta u tmin snin, li jkunu iggwidati jagħżlu l-aħjar strument li jkun jgħodd għalihom u jħejjuhom għad-dħul f’Kors Regolari tal-Mużika, li jarahom jiżviluppaw il-ħiliet mużikali tagħhom sal-Livell 4 tal-MQF kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika tal-mużika.
Din is-sena, l-iskola qed toffri l-għażla lil studenti minn barra sabiex dawn ikunu jistgħu jingħaqdu jew mal-Kor tat-Tfal tal-Iskola jew mal-Kor tal-Kommunita`, u tistieden studenti li diġà` avvanzaw fil-mużika biex jattendu għal audition għal wieħed mid-diversi gruppi mużikali bħalma huma l-baned, chamber ensembles, orkestri ta’ strumenti tal-korda , baned ta’ strumenti bin-nifs jew orkestra sħiħa.
Opportunita` kbira oħra qed tiġi ippreżentata permezz ta’ Diplomi ġodda fil-Prestazzjoni, li fihom apparti il-Prestazzjoni Solo, l-istudenti jistgħu issa jagħżlu li jispeċjaliżżaw fiċ-Chamber Music jew fl-Akkumpanjament bil-Pjanu.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-iskola u minn fuq il-paġna FB, minn fejn wieħed jista’ jniżżel il-prospectus. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu onlajn bejn l-20 u t-30 ta’ Mejju, minn fuq dan is-sit: https://mavc.gov.mt/programme/apply