300 Student mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, Ħadmu u Tgħallmu minn Professjonisti fl-Oqsma tal-Arti, Drama, Żfin, Mużika u Film

Kmieni l-Ħadd filgħodu 12 ta’ Settembru, l-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana żaret is-sit li fih kien qed jiġi miġbud il-filmat tal-Opera-Film BLAT – The Island Fortress. Dak inhar il-ġbid tal-filmat kien qed isir ġewwa l-Forti Sant Iermu.


Waqt li kienet qegħda żżur il-produzzjoni fuq is-set, l-Hon. Ministru apprezzat “il-benefiċċċji kbar li kienu qegħdin jiksbu kemm l-istudenti kif ukoll l-istaff tal-iskejjel speċjalizzati tal-Arti, tad-Drama u d-Danza u tal-Mużika. Esklussivament produzzjoni tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, in-netwerk nazzjonali ta’ skejjel speċjalizzati fl-Edukazzjoni tal-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta u Għawdex – dan huwa l-ewwel Opera-Film bil-Malti.


Minister for Education Justyne Caruana visited the set of the Opera-Film BLAT The Island Fortress


Filwaqt li ntlaqgħet mill-Kap Network tal-Kulleġġ Victor Galea li b’mod volontarju offra li jieħu l-irwol tal-Executive Producer għal din il-produzzjoni, huwa introduċa  lill-Ministru mal-professjonisti involuti f’tali produzzjoni bħalma huma d-Direttur Artistiku, id-Direttur tal- Film u l-Assistenti tiegħu , il-Korjagrafu, l-Operatur tas-Set, l-Artisti li jieħdu ħsieb ix-Xagħar u l-Make-up, Maniġer tas-Sit, Segretarju tal-Produzzjoni, Assistenti tal-Produzzjoni, Maniġer tal-Produzzjoni, Diżinjatur tal-Produzzjoni, il-Kantanti solisti, il-Kantanti tal-kor, il-Wardrobe Mistress, il-Locations Manager,  id-Direttur tal-Fotografija u s-Sound Operators fost oħrajn.


Il-Ministru daret ma’ diversi studenti li kienu qegħdin jieħdu sehem waqt dan il-ġbid tal-Film b’diversi rwoli bħalma huma l-atturi extras, kantanti ta’ Vuċijiet Żgħar (ensemble mill-Iskola tal-Mużika ta’ Malta) kif ukoll il-kor tal-kbar li kien magħmul minn studenti li avvanzaw fl-istudji tal-vuċi.



Din il-produzzjoni ġabet bidla fil-mod ta’ kif jopera l-Kullegg Mikiel Anton Vassalli: Amministraturi tal-iskejjel speċjaliżżati ħadu fuqhom rwoli oħrajn, primarjament dak li jikkordinaw id-direzzjoni artistika u mużikali, filwaqt li immotivaw lill-għalliema fl-iskejjel tagħhom kif ukoll studenti mid-dixxiplini artistiċi rispettivi  sabiex jieħdu fuqhom irwoli differenti minn dawk li normalment jieħdu, u jassistu sabiex joħolqu sinerġija bejn id-dixxiplini varji  tad-danza, tad-drama, tal-arti u tal-mużika” tenna Victor Galea.


Din il-produzzjoni offriet opportunita tad-deheb lill-istudenti li jinsabu f’xi waħda mill-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, sabiex japplikaw dak li jitgħallmu billi jaħdmu mill-qrib ma’ diversi professjonisti fl-industrija tad-divertiment/kultura. B’kollox kienu involuti  300 student mid-dixxiplini differenti li jkopri l-kulleġġ.  Il-poster/logo tal- Opera-Film BLAT – The Island Fortress iddisinjata minn Kirsty Mercieca studenta tal-arti diġitali li tattendi l-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva t’Għawdex.


BLAT – The Island Fortress, xogħol tal-kompożitur Dr Reuben Pace u kitba ta’ George Peresso u Amy Borg teħodna lura prinċiparjament ġewwa l-Belt Valletta matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Issa li għadha kemm bdiet il-ħidma fuq il- post production tal-filmati li ttieħdu, il-ħsieb hu li dan l-Opera-Film jintwera għall-ewwel darba fl-ewwel kwart tas-sena 2022.




Kienu preżenti wkoll Dr Reuben Pace id-Direttur Artistiku u l-Kompożitur, Is-Sur Alan Fenech id-Direttur tal- Film u l-iScreenplay Writer li hu wkoll l-Amministratur tal-Iskola tad-Drama u d-Danza fi ħdan il-Kulleġġ M.A.V. flimkien mal-Ko-ordinatriċi tal-Mużika Is-Sra Maria Blanco li hi wkoll l-Amministratriċi tal-Iskola tal-Mużika ta’ Malta, is-Sra Glorian Sammut li ħadet ħsieb il-Kostumi f’isem is-Sur Umberto Buttigieg li hu wkoll l-amministratur tal-Iskola tal-Arti fi ħdan l-istess Kulleġġ.