3ta’ Jannar 2022
Għall-Milied li għadu kif għadda, l-Uffiċċjali kollha li jaħdmu fl-Uffiċċji tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ġewwa l-Ħamrun Malta u x-Xewkija Għawdex, taw donazzjoni żgħira lis-Soup Kitchen OFM, minflok l-għoti tar-rigali lil xulxin.
“Din is-sena ħsibna li l-benefiċjarji jkunu is-Soup Kitchen Malta, mmexxija minn Patri Marcel OFM u numru sabiħ ta’ voluntiera dedikati li ta’ kuljum jitimgħu f’ambjent mill-aktar akkoljenti u nadif lil numru ta’ nies li jinsabu fi bżonnijiet finanzjarji u ma jifilħux ilaħħqu mal-ispejjeż bażiċi kollha tal-ħajja” spjega l-Kap tal-Kulleġġ Victor Galea.
F’isem il-Kulleġġ, is-Sur Mario Spiteri, Assistent Kap ippreżenta kilos ta’ laħam ikkapuljat f’isem il-kulleġġ, ġest li kien tassew meħtieġ minn din il-kċina. Dan sar fil-preżenza ta’ numru ta’ benefiċjarji li nzertaw deħlin għall-pranzu ta’ nofsinhar, li lkoll bi tbissima ġenwina raddew ħajr lill-Kulleġġ għal dan il-ġest sabiħ. “Kien waqt tassew emozzjonanti u ta’ ferħ” qal is-Sur Spiteri.
Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli jrodd ħajr mill-qalb lis-Sur Juan Schembri, propjetarju ta’ Juan Butcher’s fil-Ħamrun, li ġentilment aċċetta li jżid b’mod sostanzjali l-ammont ta’ kilos ta’ kapuljat mixtri.