Voluntiera ta’ Blat – The Island Fortress ippremjati b’opportunitajiet ta’ Masterclasses

‘Blat – The Island Fortress’ huwa l-ewwel opera film Malti u jifforma parti minn ‘Belt il-Bniedem’ , li hija pjattaforma artistika u edukattiva, maħluqa minn Dr Reuben Pace, u li għanda bħala produttur eżekuttiv lill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. L-ewwel produzzjoni f’din il pjattaforma kienet Swar, opera li ttellgħet fl-2018.


Il-produzzjoni ta’ dan il-proġett, involviet bosta voluntiera li mingħajrhom din il-produzzjoni ma setgħetx tkun possibbli. Fost dawn il-voluntiera kien hemm studenti li qegħdin jistudjaw il-vuċi performattiva fl-Iskola tal-Mużika ta’ Malta, fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Dawn l-istudenti ffurmaw is-sezzjoni femminili tal-kor tal-opera, flimkien ma’ 2 studenti oħra li pparteċipaw bħala solisti.



Il-pjattaforma ta’ Belt il-Bniedem mhix biss li tittella’ produzzjoni multidixxiplinarja, imma wkoll li jkun hemm żvilupp professjonali kontinwu ta’ dawk involuti. Għalhekk, bħala sinjal ta’ apprezzament u biex dawn l-istudenti tal-vuċi jkomplu jiffukaw fuq l-iżvilupp professjonali tagħhom, dawn l-istudenti ngħataw l-opportunità unika li jkollhom masterclass individwali ma’ Jennifer Larmore, mezzo-soprano internazzjonali li hi wkoll rebbieħa ta’ Grammy, li ġiet Malta speċifikament biex tagħti dawn il-masterclasses fuq il-vuċi performattiva,” qal Dr Reuben Pace, id-Direttur Artistiku tal-Produzzjoni, u l-ħallieq tal-pjattaforma Belt il-Biedem.


Waqt il-masterclasses, dawn it-8 studenti ngħataw perspettiva unika fuq bosta aspetti fuq it-teknika tal-vuċi tagħhom u l-mużikalità. Fil-ħin li studenta kienet waqt il-masterclasss tagħha, l-istudenti l-oħra kienu preżenti josservaw biex ikomplu jsaħħu l-esperjenza tat-tagħlim tagħhom.


Għalija l-masterclass għenitni nifhem u nidentifika fuq xiex għandi naħdem aktar biex intejjeb il-kant tiegħi. Is-Sa Larmore kienet ta’ ħafna għajnuna u sapport waqt is-sessjoni u żgurat li kull waħda minnha ħadet xi ħaġa ta’ valur minn dis-sessjoni,” stqarret Maria Grazia Grech, studenta li attendiet il-masterclass.


Maria Costa, studenta oħra li wkoll kellha l-opportunità li tkun preżenti għal din il-masterclass, qalet li din kienet esperjenza li tarrikkixxi l-vjaġġ mużikali tagħha. “Kienet verament esperjenza ta’ tagħlim sabiħa, ta’ ispirazzjoni u memorabbli. Nixtieq ngħid grazzi lill-mezzo soprano Clare Ghigo għall-organizzazzjoni tagħha u l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli talli tawna din l-opportunità unika.




Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli qiegħed jesegwixxi l-pjattaforma ta’ Belt il-Bniedem, kif ukoll il-baġits relatati magħha. Il-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġi, is-Sur Victor Galea ħabbar li, “dan il-Kulleġġ għall-Edukazzjoni Artistika Viżiva u Performattiva, se jkompli jsaħħaħ il-ħiliet artistiċi ta’ parteċipanti voluntiera oħra b’opportunitajiet ta’ tagħlim bħal dawn. Fil-fatt, imiss workshop fuq id-drama mid-direttur teatrali James Grieve, u minn Brad Birch li hu awtur tad-drammi li rebaħ bosta premjijiet.


Attwalment, l-opera film qiegħed fl-istadju tal-post-produzzjoni u mistenni li l-film ikollu d-debutt tiegħu fit-tieni kwart ta’ din is-sena.