Studenti b’opportunità li jtellgħu produzzjoni teatrali ma’ professjonisti

Avventura f’Ħaġar Qim mhux biss se tħalli l-istudenti jimirħu fl-istorja u fil-fantażija iżda se twassal biex ikollhom l-opportunità li jaħdmu fuq il-palk flimkien mal-professjonisti. TVMNews żar il-provi tal-produzzjoni Id-Dejjem u ltaqa’ mal-istudenti u l-għalliema fil-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli.

Id-Dejjem, produzzjoni teatrali fuq kitba ta’ Malcolm Galea se twaħħad l-esperjenza tal-veterani fil-qasam tat-teatru, il-mużika u żfin mal-istudenti. Il-produzzjoni se tittella’ minn studenti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Kif spjega l-Kap tal-Kulleġġ, Victor Galea, dan qed iwassal biex l-istudenti joħorġu mill-klassi u jidħlu fid-dinja reali tal-industrija.

“Dan il-proġett qed jagħtihom l-opportunità li jaħdmu ħafna aktar qrib tal-industrija u nagħtu l-messaġġ li jeżistu anke karrieri f’dan is-settur.”

Victor Galea – Kap tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli


Shaun Briffa, attur u għalliem tad-drama, spjega li l-istudenti qed jitgħallmu d-dixxiplina ta’ x’jiġri biex jittella’ spettaklu bħal dan.

“Jiġu sorpriżi biha ta’ kemm l-atturi aktar anzjani jidħlu fiha u bla ma jridu jitkaxkru magħhom u jridu jelevaw l-arti tagħhom.”

Shaun Briffa – Attur u għalliem tad-drama

Il-make up artist, Kim Deguara, spjegat kif it-tfal huma interessati u aċċana biex ikunu jafu x’jiġri wara l-kwinti.

“Ikunu interessati ta’ x’jiġri u x’ma jiġrix għax ħafna min-nies meta jiġu biex jaraw performance ma jirrealizzawx ix-xogħol li jinvolvi qabel u hekk qed nagħlimhom bil-mod il-mod ta’ xi jsir u x’ma jsirx.”

Kim Deguara – Makeup artist

Emanuel Cassar, li huwa parti mit-tim tal-produzzjoni, spjega kif it-tfal qed jindunaw li produzzjoni bħal din mhux la kemm tittella’.

“Ġieli ħafna drabi anke l-ġenituri li jridu jifhmu dawn it-tfal tagħhom li jġibuhom għal provi, ħinijiet twal u allura qed iħossu l-fil ta’ produzzjoni kif tittella’”

Emanuel Cassar – Tim tal-produzzjoni

L-istudent Owen Polidano qal li din hija esperjenza li qed jibbenefika ħafna minnha.

“L-aktar ħaġa li tgħallimt il-livell ta’ impenn u xogħol li int trid titfa għal produzzjoni, għal provi twal li jkollna, biex titgħallem l-iskript li għalkemm diffiċli tagħmilhom fl-aħħar huma rewarding.”

Owen Polidano – student

L-istudenta Mackenzie Cauchi li għandha l-irwol ta’ assitent direttriċi spjegat kif qed titgħallem tgħaqqad l-affarijiet flimkien biex tittella’ serata bħal din.

Grata li għandi din l-opportunità li naħdem kif ukoll jien għandi 14-il sena jiġifieri biex naħdem fi produzzjoni bħal din hija onestament inkredibbli.

Mackenzie Cauchi – Studenta

Kif spjega l-Kompożitur u Producer, Dr Reuben Pace, dan kollu huwa possibbli permezz tal-fond Belt il-Bniedem.

Pjan ta’ forma artistika li permezz tagħha studenti, professjonisti u għalliema jaħdmu flimkien biex itellgħu produzzjoni professjonali.

Reuben Pace – Kompożitur u Producer

Id-Dejjem se tittella’ nhar il-31 ta’ Mejju fl-Awditorjum ta’ Sant’ Agata, ir-Rabat.