Amministratur ġdid fl-iSkola tal-Arti fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli f’Malta

Gradwat fl-iStorja tal-Arti mill-Universita` ta’ Malta u qualifika fil-levell ta’ Masters fl-arti mill-Universita` ta’ Brighton, is-Sur Umberto Buttigieg huwa l-Kap il-ġdid tal-iSkola tal-Arti f’Malta (Belt Valletta) fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Barra minn dan, preżentament is-Sur Buttigieg jinsab għaddej bl-istudji tiegħu sabiex jikseb ‘masters degree’ fil-Psikoterapija Gestalt, li tiffoka fuq l-estetika terapewtika u l-arti bħala modalita` ta’ fejqan.


is-Sur Umberto Buttigieg huwa l-Kap il-ġdid tal-iSkola tal-Arti f’Malta (Belt Valletta)

Is-Sur Buttigieg ħa sehem f’diversi wirjiet kollettivi u kollaborattivi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, fosthom Londra, Brighton, Brussel u Nicosia. Ħa ħsieb ukoll diversi proġetti u attivitajiet artistiċi, fosthom wirjiet bħala parti mill-Festivals VIVA u ZiguZajg organiżżati minn Spazju Kreattiv. Huwa wkoll membru fundatur tal-Fondazzjoni Gabriel Caruana, li għandha l-għan li tqajjem għarfien, apprezzament u parteċipazzjoni fl-arti moderna u kontemporanja.

Bejn is-snin 2017 u 2020, Buttigieg ħadem bħala Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni għall-Fondazzjoni tal-President għall-Benesseri tas-Soċjeta. Fil-kapaċita` tiegħu f’dan l-irwol hu għen sabiex jiffaċilita` numru ta’ konferenzi, seminars u werkxops, li enfasiżżaw l-importanza tal-benesseri kreattiv.

Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u l-iSkola tal-Arti f’Malta tixtieq trodd ħajr lill-predeċċessur tas-Sur Buttigieg, is-Sur Robert Zahra, għall-ħidma tiegħu bla serħan u għall-viżjoni tiegħu fit-tmexxija tal-iSkola tal-Arti fit-tlett snin li għaddew.