Merħba

Merħba fil-kulleġġ imsemmi għal missier il-Lingwa Maltija, il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli li twaqqaf fid-19 ta’ Novembru 2018 bil-għan li jiffoka kif jista’ jtejjeb u jikkordina aħjar l-Edukazzjoni Viżwali u Performattiva f’Malta u Għawdex. Il-viżjoni tagħna hi li dawn l-iskejjel jiksbu rikonoxximent xieraq bħala grupp ta’ skejjel akkademiċi. Dan billi niffokaw fuq il-kwalitatat-tagħlim tal-arti viżwali u performattiva f’dawn l-iskejjel. Bħala Kulleġġ naħdmu kemm nifilħu biex naraw li tinħoloq sinerġija bejn dawn l-iskejjel speċjalizzati. Barra minn dan, irridu nrawmu fl-istudenti tagħna, b’mod partikulari fiż-żgħar tagħna, dan l-għarfien dwar l-ekonomija tal-industriji tal-kultura u tal-kreattivita f’Malta, meta wieħed iqis li dawn jikkontribwixxu għal 6.4% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta.

Introduction to the Mikiel Anton Vassalli College

Nintroduċikom lill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli.
Nistedinkom tagħtu titwila u issiru familjari mal-iskejjel li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u tesploraw x’jiġri sew f’dan il-kulleġġ u kif ’l fuq minn 4,000 student reġistrati qegħdin jibbenefikaw mit-tagħlim offrut fihom. Filwaqt li nrodd ħajr lill-amministraturi kollha ta’ kull skola u lill-150 għalliem dedikat u mimli entużjażmu li jaħdmu ġo fihom, ninkoraġġixxi lil kull student, żgħir kif ukoll lil dak li mhux daqstant żgħir fl-eta`, biex jieħdu gost waqt it-tagħlim tagħhom u jipperseveraw sal-aħħar.