Il-Kullegg Mikiel Anton Vassalli jixtieq javża lill-pubbliku li l-iskejjel fi ħdan dan il-Kulleġġ ser jiftħu l-applikazzjonijiet onlajn għall-studenti ġodda għas-sena akkademika 2020-21 fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru. Is-suggetti varji huma offruti f’livelli differenti: minn dak bażiku sa’ livell ta’ Diploma (MQF 1 – MQF 5).
Mill-Prospett provdut, wieħed jista’ jara firxa sħiħa ta’ taħriġ offrut fl-iskejjel speċjalizzati għall-edukazzjoni tal-Arti Viżiva u Performattiva (Arti, Drama, Mużika u Żfin): https://education.gov.mt/en/Documents/MAVC%20Prospectus%202020-2021.pdf
Il-Kap tal-Kullegg Victor Galea, spjega li “Wara l-esperjenza pożittiva tas-sena akkademika li għaddiet, fejn minħabba l-għeluq tal-Iskejjel ħafna mit-tagħlim kellu jsir b’mod remot (onlajn); minn din is-sena, uħud dawn l-iskejjel ser joffru wkoll korsijiet onlajn fosthom dak dwar l-Apprezzament tal-Arti (Art History & Appreciation), u korsijiet oħrajn dwar L-Approċċi Kreattivi Għat-Teknika Tad-Disinn u l-Pittura (Creative Approaches to Drawing and Painting). Taħriġ ieħor li ser jingħata b’mod virtwali huma suggetti relatati mal-istudju tat-Teatru/Drama kif ukoll l-Istorja tal-Mużika. Huwa mifhum li dawn l-inizjattivi jagħtu opportunita`, specjalment lill-istudenti minn 16-il sena ’l fuq, sabiex isegwu taħriġ minn djarhom f’ħinijiet komdi għalihom.”
Minn nhar it-Tlieta li ġej, l-1 ta’ Settembru 2020, dawk interessati, jkunu jistgħu japplikaw minn fuq is-sit http://mikielantonvassallicollege.gov.mt/ mit-8:30am ‘l quddiem.
Huwa mistenni li t-tagħlim fl-Edukazzjoni Viżiva u Performattiva jibda fl-ewwel ta’ Ottubru fl-iskejjel rispettivi ta’ Malta u Għawdex: Skola tal-Mużika ġewwa l-Ħamrun, Skola tal-Arti ġewwa l-Belt Valletta, Skola tad-Drama u Żfin, ġewwa l-Blata l-Bajda u fl-iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva ġewwa x-Xewkija, Għawdex.