Ċelebrazzjoni tal-Milied fin-Naxxar

Is-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar se jkun jilqa’ fih kunċert organiżżat mill- iSkola tal-Mużika f’Malta (li jifforma parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli Malta għall-Arti Performattiva).

Bit-tema “Ċelebrazzjoni tal-Milied“, fil-kunċert se jieħdu sehem studenti li qegħdin isegwu diversi korsijiet offruti minn din l-iskola. Se jieħdu sehem il-banda tal-istrumenti tal-qażba, l-ensemble tal-klarinetti, l-ensemble vokali, l-ensemble tas-saxophone, l-orkestra tal-kordi u l-kantanti żagħżagħ.

Sejrin jesebixxu xogħolijiet ta’ Mozart, Tchaikovsky, Vivaldi, Anderson, Williams u Whitacre, fost l-oħrajn

Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli (MAVC), twaqqaf li fl-2017, huwa netwerk nazzjonali ta’ Skejjel Speċjaliżżati għall-Arti Viżwali u Performattiva f’Malta u Għawdex. Dan in-netwerk jiġbor fih: l-iSkola tal-Mużika, l-iSkola tal-Arti, l-iSkola tad-Drama u d-Danza, u l-iSkola tal-Arti Viżwali u Performattiva f’Għawdex.

Bħalissa hemm madwar 4,000 student reġistrat f’dawn l-iskejjel flimkien ma’ ’l fuq minn 200 għalliem u edukaturi speċjaliżżati fis-setturi rispettivi. Il-korsijiet offruti f’dawn l-iskejjel iwasslu għall-Kwalifiċi MQF minn Livell 1 sa Livell 5 (Diploma Ogħla).