L-Ensemble tal-klarinett tal-Iskola tal-Mużika f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ilu attiv għal dawn l-aħħar ħmistax –il sena u matul it-tibdiliet organiċi minn sena għall-oħra, l-għalliema fi ħdan id-dipartiment (Noel Curmi, Hertian Gauci u Godfrey Mifsud) jibqgħu jaħdmu qatigħ sabiex ikomplu jżommu standard għoli għal dal-grupp, filwaqt li jgħinu lil kull student sabiex jilħaq l-aqwa kwalitajiet personali.
Apparti milli kull ġimgħa jwettaq il-provi, jippreżenta kunċerti matul is-sena kollha (qabel il-Covid-19) u dejjem jara li jippromovi li jikkomponi repertorju ġdid u kontemporanju f’dan il-medju. Dawn l-aħħar xhur, minħabba fis-sitwazzjoni kurrenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol kellhom jinbidlu u b’hekk anki il-proġetti ‘normali’ kellhom jieħdu rotot ġodda f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni u l-esekuzzjoni.
“Din ir-reġistrazzjoni tal-Fantango ta’ Michele Managani saret bis-sehem tal-membri kollha tal-ensemble – studenti u għalliema. Għal ħafna mill-istudenti tagħna, din kienet l-ewwel esperjenza sabiex dawn idoqqu u jieħdu sehem fir-reġistrazzjoni ta’ tali produzzjoni, – sfida illi għalih huma ħarġu bl-unuri” qal – is-Sur Godfrey Mifsud għalliem tal-prestazzjoni tal-klarinett ġewwa l-Iskola tal-Mużika Malta.
“Dan se jservi bħala esperjenza għal proġetti futuri li ċertament se jinvolvu ruħhom fihom. Id-diversi dipartimenti ġewwa l-Iskola tal-Mużika f’Malta jaħdmu bla mistrieħ sabiex jagħtu lil kull student esperjenza sħiħa fil-qasam mużikali, sabiex jippromovu l-aqwa potenzjal f’kull persuna. Inħarsu ’l-quddiem għal ġranet mużikali aħjar!” temmet tgħid is-Sra Maria Blanco, l-Amministratur tal-Iskola.