Il-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-Italja sponsorja grupp ta’ 45 għalliem għall-kors mifrux fuq ħamest ijiem ġewwa Għawdex fl-ewwel gimgha ta’ Novembru. B’mod voluntarju, l-Uffiċju t’Għawdew tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli li jiġbor fi ħdanu l-iskejjel tal-Arti Viżiva u Performattiva, ħa hsieb li jsawwar u jorganizza dan it-taħriġ għal dawn l-għalliema li huma wkoll membri tal-Klabb Alpino Italiano – Hiking Klabb Taljan.
Il-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ is-Sur Victor Galea qal li din kienet opportunita` sabiex il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli seta’ jikkolabora ma’ entitajiet Għawdxin bħalma huma d-Direttorati tal-Wirt Kulturali u ta’ Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll l-uffiċċju f’Għawdex ta’ Heritage Malta, flimkien mal-‘Activity Teachers’ mill-Kulleġġ t’Għawdex. “Flimkien ħejjejna programm ta’ taħriġ interessanti mifrux fuq ħamest ijiem imfassal fuq il-kunċetti ta’ Edukazzjoni Sostennibbli u Outdoor Education– fejn it-tagħlim iseħħ barra mill-ambjent tal-klassi. Żaru bosta inħawi ġewwa Għawdex u anke avventura f’Kemmuna.”
Il-grupp li ġie minn kull parti tal-Italja, kisbu informazzjoni dwar is-Sistema Edukattiva f’pajjiżna, il-kulturi differenti li sawru is-socjeta Maltija, studji dwar il-Flora f’Għawdex, u informazzjoni dwar id-Direttorat ta’ Eko-Għawdex u l-inizzjattivi tiegħu. Apparti dawn il-preżentazzjonijiet, saru wkoll numru ta’ mawriet kulturali bħal dawk fiċ-Ċittadella u t-Tempji tal-Ġgantija. Il-mixjiet saru mal-kosta tat- Tramuntana u mal-kosta tal-Lbiċ f’Għawdex u zjara ġewwa Kemmuna organizzata mill-Activity Teachers tal-Kullegg t’Għawdex.
Fi tmiem il-kors, il-Klabb Alpino Italiano pproduċew vidjow qasir imma effettiv dwar l-impressjonijiet tagħhom dwar Għawdex b’enfasi fuq il-ħtiega li titħares il-gżira minn żviluppi li għaddejjin li jikkuntrastjaw bil-kbir mas-sbuħija naturali li taf toffri l-gżira:
https://www.youtube.com/watch?v=fr74gBbU1js