Għaxar biċċiet tal-arti mill-mibki Chetcuti (1960–2019), ex Għalliem tal-Arti ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta kienu ippreżentati mill-armla tiegħu flimkien mal-familja tagħha lill-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Is-Sur Joe Chetcuti kien artist magħruf li beda l-karriera tiegħu fl-istudji tal-arti ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta bejn is-snin 1978–1983. Huwa kompla bl-istudji tiegħu ġewwa Firenze fejn studja l-iskultura u d-disinn ġewwa l-Accademia de Belle Arte ġewwa Firenze. Huwa kien parti mit-tpinġija tal-pittura famuża tal-Aħħar Ċena li tinsab fil-Bażilika ta’ Sant Antnin ġewwa Padova. Hu spiċċa biex sar modellatur u kaster u beda jaħdem fil-ġaraxx umli tal-familja ġewwa Pembroke. Aktar ’il-quddiem huwa mexa għal Fonderija ġewwa ż-Żona Industrijali ta’ Ħal-Luqa, u aktar tard mexa għall-Fonderija ikbar li bena huwa stess fl-istess żona. Fis-sena 2011 beda jgħallem l-immudellar u l-ikkastjar ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta u rreżenja fis-sena 2016 minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Il-preżentazzjoni saret ġewwa il-Fonderija Chetcuti ġewwa Ħal-Luqa minn iben is-Sur Joe Chetcuti, is-Sur Christopher Chetcuti, li ppreżenta l-għotja prezzjuża li tikkonsisti f’għaxar tpinġijiet minn ġabra ta’ skeċċis li s-Sur Chetcuti ħoloq bejn is-snin 2000 u 2017, waqt it-tpinġija ta’ figura umana l-istess Fonderija. Kienet tikkonsisti wkoll minn tlett portraits fil-ġibs tal- mudella u studenti tal-Iskola tal-Arti fil-passat. Dawn il-portraits ġew immudellati mis-Sur Chetcuti meta huwa kien għalliem ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta propju waqt lezzjonijiet prattiċi sabiex hu jgħallem it-tekniki tal-imuddellar lill-istudenti tiegħu.
Is-Sur Chetcuti dawwar lid-delegazzjoni lill-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli mal-Fonderija li fiha missieru ħoloq ’il-biċċa l-kbira tax-xogħolijiet artistiċi tiegħu.
Preżenti għall-preżentazzjoni kien hemm is-Sur Victor Galea, Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ, is-Sur Umberto Buttigieg Kap tal-Iskola tal-Arti, u s-Sri Emanuel u Helga Borg li qegħdin jaħdmu fuq l-arkivji tal-Iskola tal-Arti.
Victor Galea, Kap tan-Network tal-Kulleġġ raddilhom ħajr għal din l-għotja ġeneruża tagħhom, li ser tkun dejjem miżmuma b’għożża ġewwa l-Iskola tal-Arti ġewwa l-Belt Valletta u fakkar fil-kontribut li s-Sur Chetcuti ta bħala għalliem ġewwa l-istess istituzzjoni.