Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli jifraħ lis-Sur Alan Fenech, Amministratur tal-Iskola tad-Drama u Danza fil-Ħamrun li tagħmel parti mill-istess Kulleġġ, hekk kif nhar is-Sibt li għadda rebaħ il-premju prestiġjuż mill-Malta Film Awards għall-Aqwa Film Klassiku. Hu rebaħ permezz ta’ Scrooge, li pproduċa flimkien ma’ Tony Parnis.
Scrooge nħadem fl-2008, u dan kien ifisser li għall-ewwel darba ktieb klassiku ġie maqlub għat-televiżjoni Maltija. Il-film, b’direzzjoni ta’ Tony Parnis, għandu kitba u produzzjoni ta’ Alan Fenech li f’dan il-film jinterpreta wkoll il-parti ta’ Bob Cratchit.
Il-mużika oriġinali ta’ Dominic Cini, il-kostumi ta’ Louiè Noir, il-muntaġġ ta’ Justin Camilleri u l-irtokk magħmul minn tim immexxi minn Anton Farrugia huma wħud mill-ingredjenti oħra li sawru dan il-film fi produzzjoni ta’ kalibru għoli.
Alan Fenech huwa wkoll ix- xeneġġjatur tal-ewwel opera film Malti ‘BLAT – The Island Fortress’, proġett eżegwit mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Fenech huwa wkoll id-driettur tal-istess opera film, b’mużika oriġinali tal-Mro Dr Reuben Pace u librett ta’ George Peresso u Amy Borg.
Il-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ is-Sur Victor Galea qal “Alan Fenech huwa ta’ ispirazzjoni għal ħafna tfal u żgħażagħ li għandhom għal qalbhom l-arti viżiva u performattiva. Ċert li mit-3,000 student li jirreġistraw ta’ kull sena fl-iskejjel tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, ser ikun hemm dawk li jaqbdu karriera fl-industrija tad-divertiment u għalhekk nawgurawlhom ukoll sabiex jimpenjaw irwieħhom u jkollhom suċċess permezz tal-istudji tagħhom”
Galea temm billi qal li “Il-Kulleġġ jawgura lil Alan Fenech aktar suċċess fil-kitba, direzzjoni u produzzjoni ta’ films fosthom il- opera film BLAT – The Island Fortress.”