Nhar it-Tlieta 6 ta’ Ottubru, wara l-ftuħ tas-sena skolastika, is-Sur Victor Galea, Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ, dar dawra mal-iSkola tal-Arti Viżwali u Performattiva f’Għawdex waqt żjara ta’ rutina sabiex jassigura li l-implimentazzjonijiet u l-prekawzjonijiet kollha tal-Covid-19 qegħdin jiġu segwiti.
Is-Sur Galea ħa gost jinnota li kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti kienu kollha ferħanin qegħdin isegwu dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni.
Meta kien mistoqsi, is-Sur Galea kkumenta hekk, “Grazzi għall-attitudni tal-għalliema tal-iSkola tal-Arti Viżwali u Performattiva fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, li tinsab ġewwa Għawdex, fejn jidħlu l-prekawzjonijiet għall-Covid, qegħdin naraw ħafna iktar minn dak li kien mistenni. Ovvjament irridu nibqgħu viġilanti f’kull ħin, mhux fl-ewwel ġimgħa tal-skola, imma matul is-sena kollha. Kulħadd qiegħed jilbes il-maskra u l-visors ġewwa l-iskola, qegħda tinżamm id-distanza soċjali rikjesta, is-sanitisers jinsabu f’posthom u qegħdin jintużaw b’għaqal kbir, u l-ħasil tal-idejn hu wieħed frekwenti. Sinċerament nittama li dan kollu jserraħ ras kemm l-istudenti tagħna, kif ukoll ras il-ġenituri/kustodji tagħhom.“
“L-istudenti jidhru sodisfatti li rnexxielhom jirritornaw lura lejn il-grupp normali tagħhom jew lejn it-tagħlim individwali tagħhom.” Is-Sur Galea tenna jgħid: “Dan il-kulleġġ għall-arti viżwali u performattiva qed ikompli jagħti lill-istudenti tagħna l-opportunita` sabiex dawn jesprimu x-xewqat tagħhom ta’ tama, biżgħat, inkwiet, u emozzjonijiet waqt l-impenn tagħhom fid-diversi dixxiplini offruti u jien nemmen li dan hu dak li l-ġenerazzjoni żagħżugħa teħtieġ fil-mument. Ninsab kuntent li l-iSkola tal-Arti Viżwali u Performattiva f’Għawdex tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba.“