Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli inkluda lill-Aġenzija Żgħażagħ sabiex din l-aġenzija tattendi l-avveniment finali tal-European Accessible Sustainable Young (EASY)Towns II – proġett ta’ mobiltà b’fondi tal-Programm Ewropew “Europe for Citizens”.
Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli kien irrapreżentat mill-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ Victor Galea u Dr Reuben Pace għalliem/kompożitur fi ħdan dan il-Kulleġġ għall-arti. Preżenti wkoll kienu l-istudent tal-vuċi klassika s-Sur Angelo Muscat kif ukoll is-Sur Simon Schembri Maniġer (Community and Outreach Youth Work Services) mill-Aġenzija Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
“Konna milqugħin mill-Muniċipju Heist-op-den-Berg ġewwa l-Belġju, fejn d-delegazzjoni Maltija ingħaqdet ma’ ħdax-il organizzazzjoni involuti fil-proġett EASYTowns II sabiex naqsmu l-inizzjattivi kulturali u artistiċi varji li għamilna u kif dawn wasslu sabiex ż-żgħażagħ fil-muniċipji u/jew organizzazzjonijiet f’dawn id-diversi bliet Ewropej involvew ruħhom” qal Victor Galea.
L-involviment tal-Aġenzija Żgħażagħ kien wieħed doppju: (1) biex jippreżenta l-IdeaArti: wieħed mill-proġetti f’kollaborazzjoni mall-Iskola tal-Arti fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u (2) biex juri kif Aġenzija Żgħażagħ taħdem f’sinerġija mal-organizzazzjonijiet varji f’kollaborazzjonijiet ta’ proġetti diversi.
Matul il-preżentazzjoni, il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ippreżenta x-xogħol tiegħu matul il-Programm EASYTowns, billi ta ħarsa ġenerali tal-ewwel opera film bil-Malti, ‘Blat: The Island Fortress’ inkluż il-kant ta’ aria esegwita dak il-ħin minn Angelo Muscat.
L-inizzjattivi ppreżentati mill-imsieħba varji varjaw minn attivitajiet bil-għan li jnaqqsu emissjonijiet fl-arja waqt festivals mużikali u attivitajiet fil-libreriji, wirjiet ta’ arti komunitarja u ħafna proġetti oħrajn. Il-varjeta` tal-proġetti enfasizzaw id-diversi modi kif ż-żgħażagħ jistgħu jimpenjaw ruħhom fil-lokalita` tagħhom. It-tema ġenerali fil-proġetti kollha kien l-enfasi fuq il-konnessjoni maż-żgħażagħ u l-valuri Ewropej bħal paċi, solidarjeta u tolleranza fost oħrajn.
Il-mawra ntemmet bi żjara fil-Muniċipju tal-Heist-op-den-Berg, fejn il-koordinatriċi ta’ Easy Town 2 is-Sra Bernardette De Cat għamlet riflessjoni dwar il-ħtieġa li nissoktaw naħdmu fuq dan il-proġett ewropew b’ħarsa ’l hinn lejn il-kooperazzjoni u l-paċi.