In-netwerk ta’ skejjel speċjalizzati fl-Arti, fil-Mużika, fid-Danza u fid-Drama fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ippospona ċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni minn kif soltu ssir f’nofs Novembru fid-data tat-twaqqif tal-Kulleġġ, għas-sena skolastika li jmiss.
L-iskola kkonsultat mal-istudenti li kellhom jiggradwaw matul din is-sena akkademika fl-2020 u offritilhom żewġ possibilitajiet – li ssir l-gradwazzjoni skont il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, li jkun ifisser li l-familjari u l-ħbieb ma jkunux jistgħu jattendu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ gradwazzjoni, jew li jingħaqdu mal-grupp ta’ studenti li se jiggradwaw sena oħra, dejjem skont is-sitwazzjoni tal-COVID-19 dak inhar. Il-biċċa l-kbira tal-istudenti ippreferew it-tieni għażla.
Għalkemm iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ser tinżamm is-sena d-dieħla, l-istudenti li rċevew diploma fil-level 5 (livell tal-MQF) fis-suġġett ta’ speċjalizzazzjoni rispettiva tagħhom matul din is-sena, xorta waħda ser jirċievu ċ-ċertifikat permezz tal-Blockchain, dan grazzi għall-infrastruttura li l-Kulleġġ MAV College investa fiha, sabiex jippermettu li l-istudenti ikunu faċilment jistgħu jaċċessaw iċ-ċertifikat onlajn minn fuq il-meżżi ta’ teknoloġija tal-għażla tagħhom. Iċ-ċertifikati Blockchain li sejrin jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin kemm dawk tal-block kif ukoll dawk stampati se jkunu ttimbrati bid-data tal-gradwazzjoni meta kellha sseħħ, dik tal-20 ta’ Novembru. 2020.