Nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Frar, żewġ edukaturi mill-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, is-Sra. Sephora Borg u s-Sur. Matthew Pandolfino ħadu l-inizzjattiva sabiex jikkollaboraw ma’ Festivals Malta u jorganiżżaw numru ta’ avvenimenti relatati mal-festi tal-Karnival u jtellgħu wirja bl-isem ta’, ‘Il-Maskerat’.
Il-wirja infetħet uffiċċjalment mis-Segretarju permanenti s-Sur Matthew Vella, u turi bċejjeċ tal-arti li nħolqu minn studenti ta’ bejn it-12 u t-13-il sena bħala parti mill-modulu formattiv tagħhom ’Thematic-based Project 3D’ (MQF Level 3).
“Iż-żewġ għalliema rispettivi tagħna urew il-ħiliet eċċezzjonali tagħhom billi pinġew mill-għarfien tagħhom fl-isfond tal-karnival u d-disinn tas-sett tat-teatru sabiex jgħallmu u jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-istudenti tagħna. Il-materjali u l-proċessi koperti minn dan l-avveniment kienu l-kartapesta, fdalijiet tad-drapp, u oġġetti oħrajn. L-istudenti ħolqu maskri u kostumi ibbażati fuq l-element ta’ arti grotteska” fisser is-Sur Umberto Buttigieg Amministratur tal-Iskola.
Il-wirja turi għażla vasta ta’ bċejjeċ ta’ arti li tlestew fuq perjodu ta’ 5 xhur li jirreferu għal materjal u xogħol artistiku li nstabu fl-Arkivji tal-Iskola. Ġew studjati numru ta’ artisti magħrufin bħalma huma Antoine Camilleri, Frank Portelli, Gianni Vella, u Gabriel Caruana. Profs. Vicki Ann Cremona, is-Sur George Zahra, u is-Sur Mario Mizzi— ilkoll b’għerf kbir fl-avvenimenti u l-istorja tal-Karnival, kienu mistiedna u ħadu sehem billi taw diskorsi u preżentazzjonijiet informattivi lill-istudenti tal-arti viżwali.
“Matul dan il-proġett, l-istudenti tagħna kisbu tagħrif indispensabbli f’metodoloġiji u ħiliet kreattivi fil-kartapesta, paper pulp, ħjata u tekniċi fil-binja tal-bodice”.
Għal dan il-ftuħ uffiċċjali kien hemm preżenti, s-Sur Francis Agius CEO Festivals Malta u dan faħħar il-kollaborazzjoni bejn l-Iskola/Kulleġġ u Festivals Malta. Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni s-Sur. Matthew Vella, id-Direttur Ġenerali (Servizzi Edukattivi) is-Sra. Ritianne Borg Saliba u l-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ is-sur. Victor Galea li kienu preżenti, taw ukoll id-diskorsi tagħhom waqt dan il-ftuħ.
Il-pubbliku ġenerali huwa mistieden iżur din il-wirja ġewwa l-Iskola tal-Arti Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli f’106, Triq l-Ifran Valletta sabiex jara din il-kollezzjoni artistika li qed tintwera fil-binja ta’ din l-iskola, u li tenfasizza it-talenti u l-isforzi ta’ dawn l-istudenti ż-żgħar.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-wirja il-Maskerat għall-pubbliku in ġenerali huma kif ġej:
mill-5 sad-9 ta’ Frar 2024 mid- 09:00-19:00 u mit-12 sat-13 ta’ Frar 2024 mid- 09:00 – 13:00