“Fl-arti viżiva, it-teorija tal-kulur hija lingwa li permezz tagħha tista’ tikkomunika u fl-istess ħin ġabra ta’ regoli li għandha gwidi prattiċi li l-artisti jużaw meta jkunu qegħdin iħalltu l-kuluri flimkien”, tenniet is-sra Kamy Aquilina, Edukatriċi tal-Arti ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli.
“Waqt li kienu għaddejjin bl-istudji tagħhom fil-unit ‘Responding to Colours I’, fl-ewwel livel tal-Qafas Malti tal-Kwalifici, studenti żgħar ġewwa din l-iskola speċjalizzata qegħdin jitgħallmu u jesploraw skemi ta’ kuluri primarji, sekondarji u terzjarji; kuluri warm u cool; u kuluri kontemporanji.“
Apparti l-iskema tal-kuluri, l-istudenti qegħdin jistudjaw ukoll elementi oħrajn tal-arti bħalma huma l-ispazju, l-għamla u l-forma. Ispirati mix-xogħol tal-famuż artist kontemporanju Yayoi Kusama, minbarra il-kuluri Komplimentari, l-istudenti esperimentaw dwar kif jużaw il-kuluri fi spazju sabiex joħolqu istallazzjoni ta’ arti biex jagħtu aktar ħajja lid-daħla tal-uffiċċju tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ġewwa l-Ħamrun, Malta.
“Ma kinitx biss sorpriża li sibt il-faċċata u d-daħla tal-uffiċċju kkuluriti, imma nfaħħar inizzjattivi bħal dawn li permezz tagħhom l-edukaturi juru l-kreattivita` tagħhom billi jpoġġu it-tagħlim f’kuntest,” temm jgħid Victor Galea, Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ.