Lezzjonijiet CARE ġewwa l-iskola tal-Arti

L-għalliema tal-arti John Paul Muscat u Kamy Aquilina għadhom kemm temmew l-implimentazzjoni tal-pjani tal-lezzjonijiet CARE, mal-istudenti fil-Livell 2 tal-MQF ġewwa l-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Studenti li l-eta` tagħhom tvarja bejn id-9 u l-għaxar snin segwew lezzjonijiet f’tekniċi u proċessi tal-arti filwaqt li esploraw u messew suġġetti bħalma huma stili ta’ ħajja sostenibbli, ugwaljanza fost il-ġeneri, promozzjoni ta’ kultura li twassal għall-paċi u nuqqas ta’ vjolenza, u l-apprezzament ta diversita` kultural


Bejn Diċembru u Frar, iż-żewġ għalliema, flimkien ma’ 4 edukaturi mill-Iskola tal-Arti f’Malta attendew kors ta’ taħriġ onlajn bħala parti mill-proġett CARE bit-titlu: ‘Pedagoġiji Innovattivi fl-Arti Viżwali u fl-Iżvilupp Sostenibbli



Dan il-kors kontinwu ta’ Żvilupp Personali kien offrut mill-Fakulta` tal-edukazzjoni fl-Universita` ta’ Malta, kors li ta l-opportunita` lill-edukaturi jkomplu jkabbru l-għarfien tagħhom f’pedagoġiji innovattivi fl-edukazzjoni tal-arti viżwali u żvilupp sostenibbli. Il-lezzjonijiet waqt dan il-kors ingħataw minn esperti f’dan il-qasam, li huma Profs. Raphael Vella, Dr Censu Caruana, Dr Isabelle Gatt u Dr Charmaine Zammit. L-għalliema tħarrġu fi strateġiji edukattivi fl-arti u ġew mgħarrfin permezz ta’ tagħrif, ħiliet u valuri tal-Edukazzjoni ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Dan il-kors jifforma parti mill-proġett b’fondi tal-Erasmus+ jismu CARE (Connecting Art with Real Life issues), impriża konġunta l-Universita` ta’ Malta, l-Universita` ta’ Exeter, L-Universita` Frederick ġewwa n-Nicosia, L-Universita` Aristotle ġewwa t-Thessaloniki u l-Kunsill Reġjonali Ewrpew InSEA.

L-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli tixtieq trodd ħajr lis-Sur Muscat u lis-Sra Aquilina għal l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw il-lezzjonijiet li tgħallmu waqt dan il-proġett CARE għall-benefiċċju tal-istudenti. L-Arti u l-iżvilupp sostenibbli huma modi marbutin flimkien ta’ azzjoni soċjali, li tippermetti li tħassib serju u kuntesti soċjali jintarbtu flimkien.