Masterclasses tal-Flawt onlajn fl-Iskola tal-Mużika f’Malta

Il-Flawtista Nicola Woodward wettqet masterclass ta’ ispirazzjoni nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju, għall-istudenti tal-flawt tal-Iskola tal-Mużika. Wara li tat feedback b’perspettiva kbira lill-parteċipanti kollha, Nicola kompliet bil-preżentazzjoni interessanti u informattiva dwar l-aktar tekniċi kontemporanji tal-flawt li jintużaw llum – trattament li tassew niżel għasel ma’ kulħadd….. mal-istudenti, mal-għalliema u mal-osservaturi



Nicola Woodward, ko-fundatriċi tar-Rockhampton Festival, ingħatat boroż ta’ studji kemm għall-flawt kif ukoll għall-pjanu fir-Royal College of Music u diversi premjijiet għall-mużika fit-totalita` tagħha. Hi tat prestazzjonijiet fil-Wigmore Hall, fil-Purcell Rooms, ingħatat xandiriet diretti fuq Classic FM u BBC Radio 3, ħadmet mal-orkestri ta’ LPO u Bournemouth u daret l-Amerika Latina għall-British Council. Nicola ġriet ħafna postijiet mal-‘Live Music Now’ u bħalissa tinsab involuta bħala mentor ma’ din l-iskema.

Studenti tal-flawt f’livell avvanzat fl-iskola tal-Mużika f’Malta kellhom din l-opportunita` unika li jaħdmu ma’ Nicola Woodward bħala parteċipanti attivi matul dawn il-masterclasses. Elisa Sacco, Elisa Borg, Anouschka Vella u Claire Bezzina ippreżentaw xogħolijiet li kienu ppreparati tajjeb ferm u rċevew feedback jiswa mitqlu deheb dwar il-prestazzjonijiet tagħhom minn Nicola Woodward.

“Kont verament impressjonat meta rajt kemm l-istudenti kienu ppreparati u mgħallmin b’mod tassew tajjeb – kulħadd kien qed isegwi tekniċi bażiċi superjuri; ton mill-isbaħ, qagħda tajba u l-istudenti kollha kienu riċettivi ħafna tul il-ġurnata kollha”
Nicola Woodward

F’din il-masterclass, li saret permezz ta’ online platform minħabba fir-restrizzjonijiet attwali tal-COVID, ħadu sehem total ta’ 22 student u għalliem tal-flawt mill-Iskola tal-Mużika. Din hi biss waħda mill-bosta klassijiet li qegħdin isiru ma’ diversi artisti internazzjonali.


“Grazzi lilkom ilkoll f’Malta li għamiltu din l-ewwel esperjenza tiegħi ta’ online masterclasses esperjenza tassew pożittiva. It-Teknoloġija llum saret ħbieb magħna u f’tant aspetti, insejt li konna 4000 mil bogħod minn xulxin! Nittama li jirnexxieli niltaqgħu magħkom wiċċ mb’wiċċ fil-futur mhux imbiegħed!”
Nicola Woodward