Paviment Multipurpose ġdid li se jiġi installat fl-Iskola tad-Drama u d-Danza f’Malta

Fix-xhur li ġejjin, f’wieħed mill-istudji li jintuża regolarment ġewwa l-Iskola tad-Drama u d-Danza f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ġewwa l-Blata l-Bajda se jkunu qed iseħħu diversi xogħolijiet estensivi meta il-paviment li hemm bħalissa se jinbidel b’wieħed iktar addattat għad-dixxiplini kollha li jseħħu fih għad-drama u d-dixxiplini varji taż-żfin bħalma huma il-ballet, il-flamenco u ż-żfin freestyle.




Dan ix-xogħol li ser isir matul il-vaganzi tas-Sajf se jinvolvi l-qlugħ tal-paviment li hemm bħalissa, il-livellar tas-sodda tal-konkos li hemm taħtu u t-qegħid ta’ marka ġdida ta’ paviment multipurpose.


Din hija biss waħda mid-diversi inizjattivi ta’ tiġdid li qed isiru sabiex jimmodernizzaw il-binja tagħna u li jvarjaw minn sempliċi installazzjoni ta’ arja kkondizzjonata fl-istudju tal-ballet għal proġetti kumplessi bħal dak imsemmi hawn fuq.