X’inhu jiġri ġewwa l-Iskola tad-Drama & d-Danza fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli? Studenti tad-Drama f’diversi livelli inpenjati bis-sħiħ f’ħidmietho

Għal dawk fostkom li tistgħu tkunu qed taħsbu x’ikun qed jiġri waqt il-lezzjonijiet tad-drama li jseħħu ġewwa l-Iskola tad-Danza u d-Drama fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli Malta ġewwa l-Blata l-Bajda; ix-xhur li għaddew u f’dawk li ġejjin, kienu xhur ta’ ħidma kbira bi tħejjija għal proġetti iżgħar li raw bidu tagħhom lejn l-aħħar tal-ewwel term u oħrajn ġodda li se jwasslu lejn il-prestazzjoni annwali li sservi bħala eżami kif ukoll għal prestazzjoni annwali tal-iskola li nsejħulha vetrina ta’ dak li jkun ġara matul is-sena.


Se nibdew billi nagħtu ħarsa lejn dak li kien qed jiġri fil-lezzjoni mogħtija mis-Sur. Manuel Cassar.



L-istudenti fil-level 1 tal-MQF fit-term li għadda bdew l-ewwel esperjenza tagħhom fir-reċtar f’reċta qasira quddiem udjenza. Il-pantomima mqassra tal-Milied ‘Little Red Riding Hood‘ kienet kisba kbira għall-istudenti kollha li issa qegħdin jaħdmu fuq drama Griega antika u jieħdu gost bil-maskri u l-mitoloġija Griega waqt reċta miktuba bl-isem ‘Echo and Narcissus‘ .


Studenti fil-livell 3 tal-MQF huma mehdijin b’ħidmiethom waqt werkxops jadattaw skritt għad-drama min-novella klassika tas-sena 1605 ta’ Miguel De Cervantes ‘Don Quixote de la Mancha‘. Din il-biċċa xogħol tagħtina stampa tal-ħajja u tal-vjaġġ maħsub u immaġinarju ta’ Don Quixote de la Mancha, raġel Spanjol li jkun qed jidher qed jitlef moħħu fix-xewqa tiegħu li jsir kavallier u jirrestawra l-kavallerija. Ikun akkumpanjat minn bidwi jismu Sancho Panza, li flimkien miegħu hu jiġġieled diversi sitwazzjonijiet immaġinarji multipli. L-istudenti ikkonċernati bħalissa qegħdin jipparteċipaw f’werkxops li jesploraw din il-biċċa xogħol.


Studenti tad-Diploma (MQF livell 5) qegħdin jippreparaw u jiktbu l-monologi tagħhom stess filwaqt li jirriċerkaw it-teatru Malti. L-istudenti qed jaħdmu fuq teknika fid-drama li twassalhom sabiex joħolqu skritt li eventwalment twassal għal biċċa xogħol kif ukoll prestazzjoni oriġinali fit-tmiem tas-sena, liema prestazzjoni tkun diretta minnhom stess.